Rotot ta' Santiago de Compostela fi Franza

Mappa bir-rotot Ewropej lejn Santiago de Compostela

L-UNESCO ddeżinjat ir-Rotot ta' Santiago de Compostela fi Franza bħala Sit ta' Wirt Dinji f'Diċembru 1998 abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".

L-arzella pellegrina, waħda mis-simboli tul tar-rotot tal-pellegrinaġġ ta' San Ġakbu

Ir-rotot jgħaddu mir-reġjuni ta' Franza li ġejjin: Aquitaine, Auvergne, Basse-Normandie, Bourgogne, Centre, Champagne-Ardenne, Ile-de-France, Languedoc-Roussillon, Limousin, Midi-Pyrénées, Picardie, Poitou-Charentes, u Provence-Alpes-Côte d'Azur. L-UNESCO tqis li l-valur universali straordinarju tas-sit jinsab fir-rwol li r-rotot kellhom fl-"iskambju reliġjuż u kulturali", fl-iżvilupp ta' "binjiet speċjalizzati" tul ir-rotot, u fix-"xhieda eċċezzjonali tagħhom tas-setgħa u tal-influwenza tal-Kristjaneżmu fost in-nies ta' kull klassi tas-soċjetajiet u tal-pajjiż Ewropej fil-Medjuevu".[1]

L-UNESCO ddeżinjat 71 struttura tul ir-rotot tal-pellegrinaġġ u seba' mogħdijiet min-network ta' mogħdijiet magħruf bħala Chemin du Puy. Il-biċċa l-kbira tal-istrutturi huma monumenti, knejjes jew ‘sptarijiet' li kienu verament sptarijiet jew inkella kienu qishom bereġ li joffru servizzi lill-pellegrini fi triqithom lejn Santiago de Compostela fi Spanja. Uħud mill-istrutturi huma postijiet ta' pellegrinaġġ fihom infushom, filwaqt li strutturi oħra jinkludu xi torri, pont jew bieb prinċipali ta' belt.[2]

  1. ^ ""Routes of Santiago de Compostela in France". UNESCO" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-02-13.
  2. ^ ""Routes of Santiago de Compostela in France (maps)". UNESCO" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-02-13.

From Wikipedia, the free encyclopedia · View on Wikipedia

Developed by Tubidy